Bħal f'Dizzjunarju - Rumanz ta' Alfred Sant

 

https://agendabookshop.com/products/bhal-f-dizzjunarju?srsltid=AfmBOorMqCbyVNadTFQ74frunlDN4B0DR4_B_ZY6c3TyMYNWfz_qfR5M
Ili naqra kotba ta' Alfred Sant minn mindu ommi dehrilha li kapaċi naqra. U kont żgħir. Dan kollu biex mingħaliha li se trawwem fiha, tkebbes f'qalbi l-passjoni għall-politika. (Naħseb li l-kulur tagħha huwa evidenti.) Ix-xewqa t'ommi sfaxxat għax għalkemm fil-bidu kien qed jirnexxilha tħajjarni maż-żmien umbrajtha l-politika u għadni hekk sal-lum.

Ktieb wieħed ta' Alfred Sant li qatt ma rnexxieli nlesti huwa Confessions of A European Maltese. B'xejn ma stajt nifhem in-narrativa tiegħu u meta dan l-aħħar ippruvajt nerġa' naqbdu dlonk poġġejtu lura f'postu. La tant jolqtuni l-bijografiji u wisq anqas irrid naqra dwaru; anke jekk jaf nieħu xi spunti biex intejjeb kitbieti.

F'dal-ġimgħat wasal f'idejja Bħal f'Dizzjunarju li meta kien ippubblikat niftakar li l-awtur kien qal - dejjem jekk il-memorja mhux qed tfalli! - li l-mod kif kitbu jagħmlu wieħed uniku għallinqas fil-litteratura Maltija u donnu hekk hu għax mhux strutturat bħan-norma.

Flok titli u kapitli għandu kliem konsekuttiv skont l-alfabett Malti u l-istqarrija fil-bidu tal-ktieb tgħid li mhux neċessarju li jinqraw kronoloġikament. Għalhekk bħal f'dizzjunarju għax tista' tħallat l-ittri u tibda minn nofsu. 

Jien m'għamiltx hekk! Inħoss li għadni tradizzjonalista f'dar-rigward. Għalija ktieb jinqara mill-ewwel paġna u ngħaddi għat-tieni. Mhux naqbeż xi ħamsin minnhom! B'hekk il-ktieb qrajtu mill-A saż-żeta fil-veru sens tal-kelma. U għoġobni xorta waħda.

Mill-ewwel kapitlu deher ċar li l-ktieb se jkun forma ta'alter ego ta' Alfred Sant. Il-protagonista huwa awtur b'suċċess medju li jiddistanzja ruħu mill-politika b'kemm ittih is-saħħa. La jallinja ruħu ma' wieħed u lanqas mal-ieħor. Hekk u hekk, peress li rumanz Malti u ambjentat f'Malta, ma jonqosx li allura s-sistema politika użata hija dik Maltija. Dik prinċiparjament magħmula minn żewġ partiti kbar.

Diversi individwi, fosthom politiċi ppruvaw jidħlulu fin fin biex japprofittaw mill-kapaċitajiet tiegħu sabiex itejbu l-qagħda politika tagħhom u jattiraw aktar votanti iżda dan qatt ma ppermettih. La bħala kanvażer u lanqas bħala politiku. Mela b'din l-ispjegazzjoni waħedha tiġi li dan huwa forma ta' Alfred Sant fittizja għall-aħħar u li hija pjuttost opposta għall-fama ta' dak reali. Hawnhekk m'iniex se nidħol fuq il-ħajja personali tal-awtur, la ta' dak fittizju u wisq anqas ta' dak tad-demm u l-laħam għax, bħall-politika, ma tinteressani xejn.

Meta nkun qrajt numru tajjeb ta' paġni nħobb inħares lura lejn il-faċċata biex nagħmel sens minnha. Hekk għamilt u ġratli xi ħaġa surreali għall-aħħar għax intbaħt li fiha hemm mara nuda. Ma stajtx ma nsemmix dil-ħaġa! Skantajt ferm kif wara ġimgħat sħaħ naqra kull meta l-muża għall-qari ddoqqli, darba minnhom nifli sew il-qoxra u nara mara tippoża. Mhux biċ-ċajt! Skantajt fuq li skantajt għax bħala raġel xi ħaġa bħal din ma taħrablix malajr imma did-darba kienet l-eċċezzjoni. Tgħid għax iż-żiemel jisraq ħafna mix-xena? U jien naf!

Fl-aħħar se nikkumenta dwar l-iktar ħaġa li apprezzajt minn dar-rumanz. Fih storja ġo storja. L-awtur fittizzju jirrakkonta storja fantażjusa lil ħuh u jagħmlu b'ċerta dettal. Tant li fl-aħħar jistqarr li din l-istorja biħsiebu jippubblikaha. Ma nistax ngħid nofs il-kapitli sparpaljati kif inhuma humiex dwar il-Kalatanja imma fil-każ ta' kif qrajtu servew biex nieħu daqxejn riljiev mill-istorja mqarba tal-awtur Anġlu, anzi ma semmihx Fredu! B'hekk kull meta bdejt nintebaħ li l-kapitlu se jgħarrafni aktar dwar l-avventuri li seħħew f'dan il-post ineżistenti kont naqrahom bil-ħerqa. Inħoss li jkun eżerċizzju interessanti kieku nifred l-ittri-kapitli tal-istorja ta' Anġlu u tal-Katalanja biex ikolli narrattiva progressiva separata. Forsi xi ħadd jitħajjar jagħmilha u jikteb dwarha. Mhix l-intenzjoni tiegħi għax issa r-rumanz moqri.

Ma jistax jonqos li la għoġobni allura nirrakkomandah. Tagħmlux bħali. Ħalltu l-ittri għax nemmen li xorta jkollkom sens tan-narrattiva tal-ktieb.